Free Web Hosting Provider - Web Hosting - E-commerce - High Speed Internet - Free Web Page
Search the Web

Storja

Home Regatta tal-Vitorja 2009 Rebbieha Vitorja Storja Generali Kumitat 2009 Kumitat Regatta ta' Jum il-Helsien Rebbieha Jum il-Helsien Ritratti Jum il-Helsien 09 Ritratti Vitorja 2008 Under 18 Ritratti Mill-Imghoddi Mill-Gazzetti Links

STORJA TAL-KLABB REGATTA BIRZEBBUGA

 

Il-bidu tas-seklu 20, Birzebbuga kienet ferm popolari ma nies tal-Kottonera bhala post ghal vileggatura matur ix-xhur tas-sajf. B’din l-influwenza kollha mit-tlett ibliet tal-Kottonera, ma setax jonqos illi tnissel interess fir-regatta fost il-poplu ta’ Birzebbuga. Ma dan wiehed ghandu jzomm quddiem ghajnejh li l-Birzebbugin  kienu maghrufin sew ghall-isport tal-bahar, specjalment ghat-tigrijiet tad-dghajjes bil-qlugh.

 

Dan kollhu ghen u wassal biex jitwaqqaf kumitat bil-ghan li Birzebbuga tibda tiehu sehem bhala distrett organizzat, fir-Regatta  tal-Vitorja. Il-fundatur ta’ dan id-distrett huwa s-Sur Mabbli Vella. Il-familja  ta’ Mabbli  kienet wahda minn dawk il-familji li semnmejna, li mill-Kottonera (ezattament mill-Isla)  gew joqghodu Birzebbuga. Mabbli kien emigra lejn l-Amerika, izda ta’ spiss kien jigi jzur art twelidu. F’wahda minn dawn iz-zjarat, fis-sajf  ta’ l-1971, iltaqa ma xi hbieb tieghu u qabel telaq qallhom li meta jerga jigi lura Malta, huwa ried isib id-dghajjes tar-Regatta. L-Ghaqda twaqqfet dik is-sena stess permezz ta’  Laqgha li nzammet fid-19 ta’ Settembru 1971  fis-sede ta’ l-Azzjoni Kattolika u semmewa Ghaqda 8 ta’ Settembru Regatta. Il-Laqghat tal-kumitat kienu jsiru fil-hanut, li missier Mabbli kellhu fi Pretty Bay, bl-isem ta’ Bay View Bar. Id-Distrett ta Birzebbuga gie affiljat fl-8th September Regatta Association f’Laqgha tal-Kunsill li saret nhar il-Gimgha l-1 t’Ottubru 1971.

 

Dan il-kumitat beda jahdem biex  jakkwista l-opri u xtara l-ewwel dghajsa tal-Midalji bl-isem ta’ Santa Marija. Iktar tard  giet mixtrija dghajsa tal-Pass bl-isem ta Lady of Lourdes minghand Toni Ellul il-koj, li min jaf kemm rebah paljijiet bija mad-Distrett tar-Rahal Gdid. Giet provduta wkoll il-frejgatina Blue Star minghand l-Imghallem Guzi Aquilina tar-Ratal. Bosta zghazagh urew interess biex jibdew jitharrghu fl-isport tal-qdif u jiffurmaw l-ewwel ekwipaggi tad-Distrett ta’ Birzebbuga. It-training kien isir mill-moll ta’ Pretty Bay sa Delimara u lura. Intaghzlu wkoll il-kuluri tad-Distrett, l-blu car, l-ahmar u l-abjad - kuluri li kienu sinonimi ma Birzebbuga. Is-sinjal kien blu car b’faxx ahmar u abjad. Id-dghajjes inzebghu blu car b’faxx ahmar u abjad fil-forma ta mewga, bl-isem ta’ B’Bugia fin-nofs u l-arma ta’ Birzebbuga mal-pruwwa. Maz-zmien id-disinn tad-dghajjes inbiddlu kemm il-darba. Gieli inzebghu fil-faxxi tradizzjonali u gieli b’faxxi orizzontali, izda dejjem bit-tlett kuluri l-blu car, l-ahmar u l-abjad.

 

L-ewwel partecipazzjoni fir-regatta sehhet fit-8 ta’ Settembru 1972 fejn id-distrett ta’ Birzebbuga ha sehem fil-korsi tal-Midalji, frejgatini, ta’ bi tnejn u ta’ bl-erbgha. F’dik is-sena il-gazzetti irrapurtaw li “l-qaddiefa ta’ Birzebbuga urew spirtu u determinazzjoni kbira izda sofrew minn nuqqsas ta’ esperjenza. Birzebbuga li ghalkemm ma rebhu ebda palju marru tajjeb f’tal-Midalji u ta’ bl-erbgha” (l-Orizzont 9 ta’ Settembru 1972).

 

Fuq l-Orizzont tat-3 ta’ Settembru 1974 giet ippublikata intervista mas-Sur Izzo (Vici President) fejn fost l-ohrajn qal li x-xewqa tieghu kienet li jibda x-xoghol fuq pjanta li l-kumitat kellhu biex jinbena club ghad-dilettanti tad-dghajjes u ta’ l-ibburdjar, u temm jghid  hekk: “huwa xieraq li ahna, bhall kull club iehor li qed jiehu sehem fir-Regatta jkollna post addattat fejn inzommu id-dghajjes taghna”. Talba li ghada validissima sal-gurnata tal-lum.

Fl-1976 beda jberraq fuq id-distrett ta’ Birzebbuga. L-Orizzont tas-7 ta’ Setembru 1976 hareg bit-titlu “Birzebbuga – kien ghoddom irtiraw”. Skond Anthony Muscat (membru fil-kumitat) kien hemm nuqqas kbir ta’ nteress fost il-qaddiefa, pero l-qofol tal-problema kienet in-nuqqas ta’ post adekwat fejn jinzammu l-opri u fejn jiltaqghu il-qaddiefa. Il-gvern kien offra wahda mit-tined li kien hemm  Kalafrana izda din kienet il-boghod wisq minn fejn kien isir it-training. Minkejja dawn il-problemi kolllha kien hemm fiducja kbira fil-frejgatina l-gdida li kienet ghada kif saret. Minbarra bil-frejgatina, Birzebbuga hadet sehem ukoll bil-kajjik u b’ta bl-erbgha. F’din il-hames partecipazzjoni Birzebbuga regghu fallew milli jirbhu xi palju, u dan kompla jitfa lura il-hegga fost il-Birzebbugin.

 B’dawn it-tlett fatturi quddiemom, jigifieri in-nuqqas ta’ mahzen u club, in-nuqqas ta’ ntreress mill-qaddiefa u n-nuqas ta’ rebh ta xi palju wasslu biex id-distrett ta’ Birzebbuga ma jippartecipax fir-regatta ta’ l-1977 u fis-snin ta’ wara. Uhud mill-qaddiefa li qadfu ghal Birzebbuga f’dawn il-hames snin kienu: France Borg, Charles Farrugia, Ronnie Grech, John Tabone, Anthony Schembri, Michael Incorvaja, Sunny Bonnici, Tony Borg, Joe Camilleri, Joe Scicluna, Joe Muscat, Anthony Muscat, John Mary Gafa, Mario Schembri, Emanuel D’Amato, Peter Aquilina, George Galea.  

Jerga’ Jitwaqqaf il-Klabb 

Pero l-affarjiet ma kienux mietu izda raqdu. Il-gibda lejn ir-regatta baqet tnemnem fi qlub ta’ xi  Birzebbugin. Kollox rega’ beda nhar l-Erbgha, 8 ta’ Settembru 2004, meta xi dilettanti minn Birzebbuga kienu qed isegwu it-tigrijiet mil-ponta ta’ l-Isla. Dawn tkellmu dwar il-possibilta li d-dghajjes bil-kuluri ta’  Birzebbuga jergghu jidhru fil-kanal. Fil-fatt il-Hamis, 16 ta’ Settembru 2004  iltaqghu  fis-Seaside Bar & Restaurant. Kullhadd kien konxju li din kienet sfida kbira u ma kienetx facli li titwettaq.

 

Il-kelma bdiet tinxtered, minn favur, min kontra, min xettiku u min jghid li din se terga tkun furja. Gie ffurmat kumitat provizorju u bdew isiru il-laqghat regolarment. Saru wkoll laqghat ma xi Clubs tar-regatta u f’dawn il-laqghat sirna nafu iktar x’jirrikjedi Club tar-regatta. Kien hemm mumenti li konna se naqtghu qalbna, izda ahna bqajna nsostnu u nzommu quddiem ghajnejna li t-tfal ta’ Birzebbuga m’ghandhom xejn inqas minn haddiehor u komplejna mexjin bil-pjan taghna. Gie avvicinat ukoll l-imaghllem Guzi Aquilina (tar-ratal), u huwa mill-ewwel wera li kien se jghina u li se jkun disponibbli biex nibnu sett gdid ta’ dghajjes. Pero, b’dieqa kbira, Guzi r-Ratal halla din id-dinja xi hmistax wara.

 

Il-Kumitat provizorju beda jifffaccja zewg problemi krucjali – biex jigu akkwistati id-dghajjes u post fejn dawn jinzammu. Zvolta pozittiva kienet, meta is-Sur Joe Camilleri (ta’ Pazzi) , offra li jislef garaxx fil-Qajjenza, quddiem il-bahar. B’hekk issa kull ma kien jonqos kien li jinxtraw l-opri u ghall dan il-ghan gew avvicinati diversi clubs biex naraw jekk setghux ibieghu xi dghajjes milli kellhom.

 

Sadanittant, il-kumitat provizorju beda l-kuntatti ma l-Ghaqda Regatta Nazzjonali u mal-Kummissjoni Festi Nazzjonali, fejn it-tnejn li huma dehru herqana li jilqghu lura lil Birzebbuga. Kien wasal  iz-zmien biex jibdew il-preparamenti ghall-Laqgha Generali. Gie fformulat statut u giet iddisinjata l-arma tal-Klabb. Il-gurnata maghzula kellha tkun dik tal-Hadd, 7 ta Novembru 2004. Il-Kunsill Lokali  laqa’ it-talba biex il-Laqgha issir fis-Sala tal-Kunsill. Twahhlu posters fil-Kazini u fil-hwienet ta Birzebbuga u saru diversi avvizi fuq l-Energy FM.

 

Is-7 ta’ Novembru 2004 waslet.  Kienet gurnata ta’ xita, izda kienet ukoll il-gurnata storika fejn kellhu jerga jitwaqqaf il-Klabb Regatta Birzebbuga. Attendenza sodisfacenti kienet prezenti ghall-Laqgha li bdiet fid-9.30a.m. Fosthom kien hemm is-Sindku ta’ Birzebbuga, tlett kunsillieri, is-Segretarju ta l-Ghaqda Regatta Nazzjonali u gurnalist ta gazzetta lokali. Bdew jissiehbu  ukoll l-ewwel membri fil-klabb.

 

Il-Laqgha infethet mill-President Anton Cutajarl li ghamel diskors ta merhba. Wara gie approvat l-Istatut tal-Klabb, u f’dak il-mument rega’ twaqqaf ufficcjalment il-Klabb Regatta Birzebbuga. Kien imiss li jinhatar il-Kumitat fejn Anton Cutajar gie approvat bhala President, Justin Ebejer Segretatrju, Alex Azzopardi Tezorier,  Anthony D’Amato Direttur tad-daghjjes u Robert Camilleri, Edward Ferriggi, Michael Ferriggi, Conrad D’Amato, Lawrence Borg, Simon Micallef, Ian Polidano, Simon Vella u Marco Bonnici bhala membri. L-ewwel Laqgha tal-Kumitat saret nhar l-Erbgha, 10 ta’ Novembru 2004 fil-garaxx tas-Sur Anthony D’Amato, fi Triq San Filippu. Dakinhar inaghtaw diversi karigi u bdiet ufficcjalment il-hidma tal-Kumitat tal-Klabb Regatta Birzebbuga.


 

Jinxtraw l-ewwel zewg daghjjes

 

Nhar l-Erbgha, 29 ta’ Dicembru 2004 ingiebu f’Birzebbuga l-ewwel zewg dghajjes tal-Klabb. Dawn kienu Kajjik u Frejgatina li nxtraw mill-Klabb tar-Regatta tal-Birgu. Kif waslu Birzebbuga ittiehdu fil-garaxx tal-Qajjenza fejn diversi persuni hadmu bla heda biex dawn id-daghjjes  jinzebghu bil-kuluri ta Birzebbuga.  Il-Frejgatina giet varata ghall-ewwel darba fl-inhawi tal-Qajjenza nhar il-Hadd, 30 ta’ Jannar 2005 u minn dakinhar beda it-tahrig tal-qaddiefa. Il-Kajjik gie varat ftit jiem wara.  Nhar is-6 ta’ Marzu 2005, dawn l-opri gew ipprezentati mill-benefatturi taghhom u mbierka mill-Kappillan Dun Nikol Pace fuq iz-zuntier tal-Knisja.


 

 

 

Regatta ta’ Jum il-Helsien 2005 

Nhar il-Hamis, 31 ta’ Marzu 2005 wara nofsinhar, fil-Port il-Kbir, id-distrett ta’ Birzebbuga iddebutta fir-Regatta ta’ Jum il-Helsien. Il-partecipazzjoni kienet limitata ghall-zewg opri, il-kajjik u l-frejgatina. Ghalhekk kellna nistennew sat-tielet tigrija biex naraw il-kuluri taghna, l-ikhal, l-abjad u l-ahmar fil-kanal. Din kienet it-tigrija tal-kajjiki kategorija reserves . Ghalkemm ma plejsjajna fl-ebda tigrija, ir-rizultat kien sodisfacenti ghalina, u  harisna l-quddiem b’ottimizmu. Kellna kliem ta tifhir ghall-qlubija li wrew il-qaddiefa taghna

 Wara din ir-Regatta l-entuzjazmu kompla jikber, u ghar-Regatta tal-Vitorja 2005, il-Klabb kellhu is-sett komplut ta’ dghajjes. Din ir-regatta zgur se tibqa minquxa fil-qlub tad-dilettanti tar-Regatta ta’ Birzebbuga, minhabba r-rebh ta’ l-ewwel palju ghall-Birzebbuga. Dan sehh fis-sitt tigrija  - dik ghad-Dghajjes tal-Pass b’zewg imqadef (Kategorija Open) – bid-Dghajsa Pietra. Il-crew kien kompost minn Mark Galea u Stefan Aquilina. Minn dik ir-Regatta id-Distrett ta’ Birzebbuga kompla jippartecipa b’mod regolari. Apparti minn hekk, mill-2006, Birzebbuga ippartecipat ukoll fir-Regatta li tigi organizzata ghat-tfal ta’ taht it-tmintax il-sena.
 
Ir-Regatta ta’ Jum il-Helsien 2007 – Palju Storiku ta’ l-Ewwel 

Fir-Regatta ta’ Jum il-Helsien li saret  nhar is-Sibt, 31 ta’ Marzu 2007 gewwa l-Port il-Kbir, id-Distrett ta’ Birzebuga kiseb l-ewwel rebha tieghu,  meta fit-tigrija ghad-Dghajjes  tal-Pass b’zewg Imqadef,  il-crew kompost minn  John Martin Mifsud u Joseph Flask dahlu fl-ewwel post f’hin ta’ 5 minuti u  49 sekonda. F’dik ir-regatta Birzebbuga giet ukoll it-Tieni fit-tigrija ghad-Dghajjes tal-Pass b’erba’ mqadef.  B’total ta’ 36 punt spiccajna fit-tieni post, erba’ punti biss il-boghod mir-rebh tas-Shield.


Birzebbuga jirbhu ir-Regatta tal-Vitorja 2008 (Kategorija B)

Ir-Regatta tal-Vitorja 2008, se tibqa imfakkra mill-poplu ta’ Birzebbuga, ghax id-Distrett ta’ Birzebbuga rebah is-Shield tal-Kategorija B, u ghall-ewwel darba fl-istorja, is-Shield harget minn gol-Port il-Kbir. Kienet regatta li fijha id-distrett ta’ Birzebbuga iddomina mill-bidu sa l-ahhar fejn intrebah il-Palju ta’ l-ewwel fit-Tigrija ghad-Dghajjes tal-Pass b’zewgt imqadef (Clayton Fiteni u Joseph Flask), f’tal-Midalji (Gino Viacava, Clayton Fiteni, Joseph Flask u Charles Gauci), fil-Frejgatina (Gino Viacava, Twanny Viacava u t-tmunier Leonie Azzopardi) u fid-Dghajjes tal-Pass b’erba’ mqadef (Louis Bonello, Clayton Fiteni, Joseph Flask u Charles Gauci). Intrebah ukoll palju tat-Tieni fit-Tigrija tal-Kajjiki (Louis Bonello u Clifford Curmi). Dawn wasslu biex Birzebbuga tellghet total ta’ 84 punt u ghalhekk giet dikjarata Rebbieha ta’ l-Aggregate Shield Kategorija B, segwita mill-Kalkara b’48 punt, l-Isla bi 28 punt u l-Marsa bi 12 il-punt, filwaqt li l-Birgu u Marsamxett ma rebhu ebda punt. Wara l-ahhar tigrija ta’ din il-Kategorija, il-Ministru Dolores Cristina ipprezentat is-Shield lis-Sur Ian Farrugia, President tal-Klabb, fost il-ferh tal-partitarji minn Birzebbuga li honqu il-parti ta’ wara id-dwana (fejn hemm il-mahzen ta Marsamxett). Wara, is-Shield flimkien mat-tazzi u l-paljijiet twasslu Birzebbuga b'carcade. Id-Dghajsa tal-Pass ‘22 ta’ Frar’ u dik tal-Midalji ‘Maria Carmela’ tnizzlu Birzebbuga permezz ta’ trailer li hekk kif wasal Birzebbuga imtela’ bil-partitarji ilkoll jaqbzu u jkantaw mal-muzika li bdiet tindaqq minn fuq it-trailer. Ic-celebrazzjonijiet baqghu ghaddejin sa tard bil-lejl.


 

 

 

It-Tieni post fir-Regatta ta' Jum il-Helsien (Kat B)

 

Wara s-success storiku tal-Vitorja 2008, id-Distrett ta’ Birzebbuga kien ghoddu ser jerga' jaghmila fir-Regatta ta’ Jum il-Helsien 2009. Dan ghaliex spicca biss zewg punti wara r-rebbieha li kienu l-Birgu. Fil-fatt il-Birgu tellghu total ta' 60 punt filwaqt li Birzebbuga rebhet 58 punt. Dawn il-punti intrebhu bit-tielet post fit-Tigrija Ta Bi Tnejn (Clayton Debono u Johan Attard), it-tielet post fil-Kajjiki (Louis Bonello u Jimmy Falzon), l-ewwel post bil-Midalji (Gino Viacava, Clayton Fiteni, Joseph Flask u Charles Gauci), it-Tielet post fil-frejgatini (Gino Viacava, Twanny Viacava u t-tmunier Leonie Azzopardi) u l-ewwel post fit-tigrija ghad-Dghajjes tal-Pass b’erba’ mqadef (Louis Bonello, Clayton Fiteni, Joseph Flask u Charles Gauci). Id-dizappunt ikompli jikber meta ninnutaw li fit-tigrija tal-frejgatini, kellhu jkun il-photo finish li jidentifika l-ordni ta' l-opri li spiccaw fl-ewwel tlett postijiet. Ma dankollhu, kien hemm arja ta' sodisfazzjon fost il-qaddiefa, l-ufficjali u l-partitarji hekk kif ghal Regatta ohra Birzebbuga kienu fost il-protagonisti.

 


 

 Il-Mahzen.

Kif rajna iktar il-fuq, bejn l-1972 u l-1976, il-Kumitat ghamel minn kollox biex jinbena mahzen xieraq ghad-dilettanti tar-Regatta, izda sfortunatament il-pass finali baqa ma sarx. Din kienet l-ikbar problema li wiret il-Kumitat, li fl-2004 rega’ organizza id-Distrett ta’ Birzebbuga. Ghal l-ewwel il-Kumitat inqeda b’garaxx li kien inkera’ max-Xatt tal-Qajjenza fejn id-dghajjes kienu jigu varati minn hdejn l-impjant tal-gass. Izda wara saret rampa quddiem il-garaxx u d-dghajjes bdew jigu varati b’aktar kumdita.

Fit-2 ta’ Jannar 2006, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ l-Infrastruttura intefghet applikazzjoni quddiem il-MEPA biex jinbnew premises u slipway biswit il-Pitch tal-Waterpolo. Izda l-Mepa, fil-31 ta’ Lulju 2006, irrifjutat din l-applikazzjoni ghaliex skond huma konnha se nzidu it-tehid tal-art miz-zona kostali. Fl-1 ta’ Settembru 2006 giet appellata din id-decizjoni, izda fis-7 ta’ Marzu 2007, il-Mepa irrifjutat ukoll ir-rikonsiderazzjoni.

Sa dan it-tant il-Kumitat kien ghadu qed jopera mill-garax tal-Qajjenza, li izda kull ma jmur dan beda jsir zghir minhabba li l-opri bdew dejjem jizdiedu. Fi Frar 2007 il-Kumitat wasal fi ftehim mal-Consortium li jmexxi il-Cottonera Waterfront biex jinkerha Mahzen f’Xatt ir-Rizq il-Birgu, kif fil-fatt sar. Dan il-Mahzen, minbarra li kien kbir hafna kien vicin ta’ slipway li minnha jvaraw il-Club tar-Regatta ta’ Bormla, u ghalhekk kien idejali ghalina. F’Marzu 2007, il-Kumitat tefa’ ghajnejh fuq mahzen li kien jaghmel parti mill-Macina, fl-Isla. Meta deher li kollox kien miexi fit-triq it-tajba, saret petizzjoni min-nies ta’ l-Isla biex dan il-mahzen ma jinaghtax lill Klabb Regatta Birzebbuga u ergajna bqajna b’xiber imnieher.

Il-Kumitat baqa juza l-mahzen f’Xatt ir-Rizq il-Birgu sakhemm fis-17 ta’ Frar 2009 ircevejna avviz minghand il-Cottonera Waterfront Consortstium biex fl-1 t’April 2009 nizgumbraw il-mahzen. Kummissjoni li twaqqfet apposta fl-2008, iffurmata mill-Ufficjali tal-Klabb, flimkien ma Emanuel Zammit, Stanley Zammit u l-Onorevoli Dr Franco Debono bdiet sensiela ta’ Laqghat mas-Segretarjat ta’ l-Isport biex il-Klabb ikollhu mahzen xieraq, fejn anki gew proposti pjanti ta’ club f’Wied il-Buni. Kif ircevejna l-avviz ta’ zgombru il-Kummissjoni kompliet tintensifika il-pressjoni biex jinstab post alternattiv. Ghall-ewwel id-Dipartiment tal-Lands offrewlna mahzen fil-Marsa, li pero kellhu hsarat strutturali kbar u ma stajniex invaraw l-opri fil-bahar.

Nhar it-3 ta’ Gunju 2009 ircevejna l-ahbar li tant konnha ilna nistennew meta s-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi taghna l-kelma li se jaghtina mahzen temporanju. Wara li saru il-proceduri necessarji, nhar il-Hamis, 2 ta’ Lulju 2009, l-ufficjali tal-Klabb, iffirmaw kuntratt, li bih il-Klabb inghata b’mod temporanju mahzen li qieghed f’Numru 36, Xatt ir-Rizq, Valletta. Dan il-kuntratt gie ffirmat fl-ufficju tas-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi, fil-Presenza tas-Sur Paul Miruzzi u Albert Mamo mid-Dipartiment tal-Lands, tas-Sur Stanley Zammit u Emanuel Zammit (Kummissjoni tal-Mahzen), kif ukoll tal-Perit Anthony Bezzina, li kien strumentali biex instab dan il-post. 

 

Wara li saret il-manutenzjoni mehtiega fil-mahzen il-gdid, nhar l-14 ta' Awwissu 2009 bdew jingarru l-opri mill-Mahzen ta' Xatt ir-Rizq fil-Birgu ghall-Mahzen ta' Xatt Lascaris fil-Belt. Nhar it-Tnejn 17 t'Awwissu 2009 kien kollox preparat biex jibda it-tahrig ghar-Regatta tal-Vitorja 2009. Peress li domna ma bdejna it-tahrig, il-qaddiefa li kienu protagonisti ma Birzebbuga fis-sentejn li ghaddew lehhqu sabu posthom ma Distretti ohra. Ma dan kollhu, gew registrati qaddiefa godda, biex flimkien ma qaddiefa tal-Klabb (hafna minnhom Under 18), gew iffurmati l-ekwipaggi ta' Birzebbuga. Ghalkemm fir-Regatta tal-Vitorja 2009 ma ntrebah l-ebda palju, xorta wahda kien hemm arja ta' sodisfazzjon, ghaliex minkejja il-problemi kollha li ghadda minnhom il-Klabb fl-ahhar xhur, l-isem ta' Birzebbuga kien prezenti fil-kanal tal-Port il-Kbir ghall-10 darba fir-Regatta tal-Vitorja. 

 


 

  

Ghal aktar informazjoni dwar:-  

 

L-Ekwipaggi kollha mill-2005: ikklikja fuq il-pagna ‘Regatta tal-Vitorja’ jew ‘Regatta ta’ Jum il-Helsien’.   

 

L-opri kollha li ntuzaw mil-ekwipaggi ta’ Birzebbuga: ikklikja fuq il-pagna ‘Generali’  

 

Il-Paljijiet kollha li ntrebhu minn Birzebbuga: ikklikja fuq il-pagna ‘Generali’